Francis Ebejer
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Francis Ebejer twieled fit-28 ta' Awissu, 1925 u trabba Ħad Dingli. Kien l-ikbar fost sebat aħwa. Kemm missieru kif ukoll ommu kienu għalliema. Studja fl-iskola primarja tal-Gvern, fil-Liċeo u ħa sena kors tal-letteratura fl-Università Irjali ta' Malta. Bejn l-1943 u l-1944, Ebejer ġie maħtur interpretu mal-British Military Administration fi Tripli. Huwa mexa fuq il-passi ta' missieru u sar għalliem ta' l-Ingliż u wara sentejn taħriġ f'kulleġġ fl-Ingilterra, fl-1950 ġie nominat kap ta' l-iskejjel primarji tal-Gvern.
Il-kitbiet tiegħu bilingwi, kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti, u beda l-karriera tiegħu permezz ta' drammi fuq ir-radju, televiżjoni u stejjer qosra li kienu ppubblikati New York bejn l-1980 u l-1992, oħrajn imxandra fuq il-B.B.C. filwaqt li oħrajn ġew tradotti għat-Taljan, Olandiż u saħħansitra Ġappuniż. Meta kiseb din il-popolarità, Ebejer beda jikteb għall-produzzjonijiet teatrali, u novelli li ħafna minnhom ġew ippubblikati Londra u New York. Fost l-iktar xogħlijiet magħrufa tiegħu hemm A Wreath of Maltese Innocents (1958), Wild Spell of Summer (1968), In the Eye of the Sun (1969), Come Again in Spring (1973), Requiem for a Malta Fascist (1980), u Leap of Malta Dolphins (1982).
Ebejer kien membru tal-P.E.N., L-Ghaqda Internazzjonali ta' l-Awturi, President onorarju tal-Moviment Letterarju Malti u membru tal-Kunsill ta' l-Akkademja tal-Malti.
Ebejer rebaħ bosta premjijiet u unuri għax-xogħlijiet teatrali kif ukoll televiżivi tiegħu. Huwa ġie mogħti il-Premju Letterarju Malti erba' darbiet, il-'Cheyneh Award for the Best Producer' fl-1984, il-'Phoenicia Trophy for Culture" fl-1982 u fl-1985, u l-premju 'Città di Valletta' fl-1989. Fl-1986, huwa rċieva l-Medaille d'Honneur de la Ville d'Avignon fi Franza għal xogħol tiegħu li kien ġie tradott bil-Franċiż.
Ebejer miet ħabta u sabta fir-residenza tiegħu fis-Swieqi fl-1993, u ndifen fil-ċimiterju ta' Ħad Dingli, il-pajjiż li dejjem influewnzah u ispirah fil-kitbiet tiegħu. Għall-funeral tiegħu attendew bosta nies, inklużi membri tal-Parlament, atturi, produtturi teatrali u pubblikaturi.