Ugo Pasquale Mifsud
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Sir Ugo Mifsud twieled il-Belt, fit-12 ta' Settembru 1889. Studja l-Liċeo u wara l-Università ta' Malta u fl-1910 ħa l-lawrja ta' Avukat. Hu beda l-karriera professjonali tiegħu u għamel isem speċjalment fi żmien il-Gwerra l-Kbira meta kellu ħafna xogħol fil-Qorti tal-Kummerċ. Sir Ugo kiteb ħafna fuq il-Liġi Internazzjonali f'rivisti ta' natura legali bħall-International Law Notes. Kien elett membru ta' l-International Law Asociation u ħa sehem f'bosta konferenzi ta' din l-assoċjazzjoni. Kien ukoll membru tal-Kumitat Eżekuttiv u anki Viċi-President ta' din l-Assoċjazzjoni. Fl-1928 fil-Konferenza li saret f'Varsavja, Sir Ugo ġie elett President ta' l-Aerial and Radio Law Committee. Kien ġie elett Viċi-President fl-Eżekuttiv ta' l-Assoċjazzjoni fil-Konferenza Internazzjonali li kienet saret f'Oxford fl-1932 u fl-1934 ġie magħżul ukoll President għall-Konferenza li kienet saret f'Budapest. Fl-1928, Sir Ugo rrappreżenta lil Malta fil-laqgħat ta' l-Empire Parliamentary Association li saret fil-Kanada.
Sir Ugo kien ġie elett Segretarju ta' xi Seduti ta' l-Assemblea Nazzjonali li ġiet imlaqqgħa fl-1919 fuq proposta ta’ Sir Filippo Sciberras. Kien ta sehem kbir fit-tħejjija tal-Kostituzzjoni li ressqet l-Assemblea Nazzjonali quddiem il-Gvern Ingliż. Fl-1926 flimkien ma' Nerik Mizzi kien il-mexxej tal-Partit Nazzjonalista u baqa' sakemm miet fl-1942. Fl-1921 ikkontesta l-elezzjoni taħt il-Kostituzzjoni 'Amery Milner' u ġie elett membru ta' l-Assemblea Leġislativa. Hu ngħata l-ħatra ta’ Ministru ta' l-Industrija u Kummerċ. Fl-elezzjoni ta l-1924, wara r-riżenja ta' Dr. Francesco Buhagiar minn Prim Ministru, Sir Ugo sar it-tielet Prim Ministru fl-età ta' 35 sena, l-iżgħar Prim Ministru ta' l-Imperu Ingliż f’dak iż-żmien. Bejn l-1927 u l-1930 kien Kap ta' l-Oppożizzjoni u reġa' nħatar Prim Ministru bejn Ġunju, 1932 u Novembru, 1933, meta l-Kostituzzjoni ta’ l-1921 ġiet irtirata.
Meta, fl-1932, kien qiegħed imexxi delegazzjoni Maltija f'Londra, ippreżenta memorandum lis-Segretarju ta' l-Istat tal-Kolonji li fih saret talba formali biex Malta tingħata Kostituzzjoni li tpoġġiha fid-Dominion Office fost il-membri indipendenti tal-Commonwealth. Fl-1939 Sir Ugo ġie elett membru tal-Kunsill tal-Gvern. Fid-9 ta' Frar, 1942, waqt laqgħa tal-Kunsill, meta kienet qiegħda tiġi diskussa d-deportazzjoni ta’ personalitajiet Maltin, fosthom dik ta’ l-Avukat Nerik Mizzi, Sir Ugo Mifsud ħassu ħażin. Hu kien qiegħed jiddefendi b’argumenti sodi d-dritt ta' dawn il-Maltin li ma jiġux deportati minn pajjiżna. Jumejn wara, fil-11 ta' Frar, 1942, Sir Ugo Mifsud miet.