Bormla
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Bormla, hi belt f'Malta, l-ikbar waħda mill-grupp ta' tlett ibliet li jifformaw il-Kottonera. Bormla tissejjaħ ukoll Cospicua, laqam li jwassal minn żmien il-Kavallieri, probabilment minħabba s-swar majestużi tagħha.
Bormla tinsab bejn il-Birgu u l-Isla. Dawn it-tlett ibliet jifformaw żona ta' bini fuq xaqliba mill-Port il-Kbir, faċċata mill-Belt Valletta.
Bormla kienet l-aħħar belt minn dawn it-tlieta li nbniet. Il-fortifikazzjonijiet tagħha, mibnijin mill-Kavallieri ta' San Ġwann, huma tant kbar u felħana li kif tarahom tinduna bis-saħħa u x-xogħol li ntefaq fuqhom.
Il-festa ta' Bormla hi fit-8 ta' Diċembru, f'unur l-Immakulata Kunċizzjoni.
L-oriġini tal-kelma Bormla probabilment jiġi mill-isem Bir-Mula: il-Bir tal-Mulej. Fl-1722 il-Gran Mastru Zondadari ddikjaraha belt, taħt l-isem ta' Ċittà Cospicua. Fl-1776, l-Ordni beda jibni baċir f'Bormla. Minn hawn 'il quddiem, Bormla kellha tkun marbuta ma' l-industrija tat-Tarznari. Minħabba f'hekk, Bormla kienet milquta bl-ikrah fit-Tieni Gwerra Dinjija.