Birgu
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Birgu hi belt żgħira li kellha rwol kruċjali fl-Assedju l-Kbir tal-1565.
Il-Birgu twaqqaf fuq penisola fil-Port il-Kbir, wara l-kenn tal-Forti Sant Anġlu, magħruf fil-Medjuevu bħala l-Castrum Maris, hu kien iservi bħala l-port prinċipali tal-gżejjer. Mal-wasla tal-Kavallieri ta' San Ġwann fl-1530, il-Birgu sar il-bażi tal-flotta tal-Ordni, u il-kwartieri prinċipali tal-Kavallieri, għax il-belt kapitali, l-Imdina, kienet 'il ġewwa fil-gżira u mhux prattika għal flotta.
L-Ordni saħħaħ il-Forti ta' Sant Anġlu, tella swar fuq in-naħa ta' ġewwa u ffortifika il-penisola fil-qrib, l-Isla.
Wara l-Assedju tal-1565, il-Granmastru La Vallette iddeċieda li jibni belt ġdida fl-għolja ta' faċċata, l-Għolja Scebberras, dik li maż-żmien saret il-Belt Valletta. Wara l-Assedju, il-belt tal-Birgu tlaqqmet bħala Città Vittoriosa, "il-belt rebbieħa" bit-Taljan.
Il-Knisja Parrokjali hi ddedikata lil San Lawrenz, u l-festa ssir fl-10 t'Awwissu.