Michelangelo Merisi da Caravaggio
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Michelangelo Merisi da Caravaggio (28 ta' Settembru, 1573 – 18 ta' Lulju, 1610), magħruf sempliċiment bħala Caravaggio wara belt-twelidu viċin Milan, kien pittur tal-Barokk Taljan li għamel ħafna xogħlijiet reliġjużi ta' qaddisin u figuri mill-Bibbja bħala nies komuni. Għalkemm dawn ix-xogħlijiet kienu ta' kontroversja kbira fil-knisja, inxtraw minn ħafna nies sinjuri, għat-teknika spettakulari tagħhom, għall-oriġinalità u ukoll għall-aspett ħomoerotiku tagħhom.
[editja] Ħajja
Ta' 11-il sena, Caravaggio safa orfni. Daħal jagħmel apprentistat ma' Simone Peterzano ġewwa Milan. Mar Ruma bejn l-1588 u l-1592. Kien "jaqlagħha u jikolha" - beda jgħix fil-faqar. Kien dejjem jirreżisti t-tradizzjonijiet u jirribella għal kollox.
Il-Kardinal Francesco del Monte impjega lil Caravaggio u ħadu taħt il-protezzjoni tiegħu. Il-Kardinal tah kenn u pensjoni. Sakemm daħal taħt il-protezzjoni tal-Kardinal del Monte, Caravaggio kien ġa lesta madwar 40 pittura li b'xi mod jew ieħor nistgħu ngħidu li baqgħu famużi.
Meta kellu 24 sena Caravaggio ġie ikkummissjonat (imqabbad bil-ħlas) biex ipitter il-kappella Contarelli parti mill-knisja San Luigi dei Francesi ġewwa Ruma. Hawn pitter tliet pitturi kbar dwar il-ħajja ta' San Mattew. Caravaggio dam kważi 6 snin jagħmel din il-kappella. Ġie li kellu jibdel xi pitturi minħabba indħil mill-kanonċi tal-knisja. Din il-biċċa xogħol għamlitu famuż u d-domanda għax-xogħlijiet tiegħu bdiet tiżdied.
Caravaggio beda jxellef difrejh mal-ġustizzja. Insibu li sawwat pittur, fera suldat, tefa' l-ġebel lill-gwardjani Rumani, inqabad bl-armi fuqu, kellu xi jgħid minħabba l-maħbuba tiegħu u fl-aħħar, fl-1606 qatel lil Ranuccio Tomassoni. Allura kellu jaħrab minn Ruma.
Caravaggio l-ewwel mar Napli imbagħad Malta. Il-Granmastru Wignacourt innota l-ġenju tal-pittur. Laqgħu bl-unuri kollha ta' xi ħadd famuż. L-ikbar biċċa xogħol ta' Caravaggio f'Malta tibqa' l-"QTUGH IR-RAS TA' SAN ĠWANN IL-BATTISTA". Fl-1608 il-Kavallieri ta' Malta għamluh Kavallier tal-Ġustizzja. Caravaggio reġa' spiċċa arrestat mill-Kavallieri. Ma nafux għaliex. Jew reġa' għamel xi ħaġa gravi jew inkella xi ħadd informa lill-Kavallieri bil-passat kriminali tiegħu. Allura Caravaggio reġa' ħarab. Mar Sqallija, Messina imbagħad Palermo fejn kompla jpitter.
Il-Papa biss seta' jaħfer lil Caravaggio biex dan ikun jista' jerġa' jibda jgħix mingħajr il-biżgħa li jkun arrestat. Xi ħadd qabeż għal Caravaggio quddiem il-Papa. Il-maħfra tal-Papa waslet tlett ijiem wara l-mewt ta' Michelangelo Merisi di Caravaggio.