Lingwa Maltija
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Il-Malti huwa l-ilsien nazzjonali tar-Repubblika ta' Malta. Huwa l-ilsien uffiċjali flimkien ma' l-Ingliż; kif wkoll wieħed mill-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Din il-lingwa għandha bażi u għerq semitiku, meħud minn djalett Għarbi ta' l-Afrika ta' Fuq, u għalhekk qatt ma kellu l-ebda relazzjoni ma' l-Għarbi Klassiku. Imma tul iż-żminijiet, permezz ta' proċess ta' latinizzazjoni ta' Malta, bdew jidħlu ħafna elementi mill-Isqalli, djalett ta' art li ukoll għaddiet minn perijodu ta' dominju Għarbi. Wara l-Isqalli beda dieħel ukoll it-Taljan, speċjalment fil-perijodu tad-daħla tal-Kavallieri ta' l-Ordni ta' San Ġwann sa meta l-Ingliż ħa post it-Taljan bħala lingwa uffiċċjali fil-Kostituzzjoni Kolonjali tal-1934. Il-Malti huwa l-uniku lsien ta' oriġini semitika li jinkiteb b' ittri Latini, u jinqara mix-xellug għal-lemin. L-alfabett Malti fih tletin ittra (24 konsonanti u 6 vokali) li jidhru f'din l-ordni:
A,a; B,b; Ċ,ċ; D,d; E,e; F,f; Ġ,ġ; G,g; GĦ,għ; H,h; Ħ,ħ; I,i; IE,ie; J,j; K,k; L,l; M,m; N,n; O,o; P,p; Q,q; R,r; S,s; T,t; U,u; V,v; W,w; X,x; Ż,ż; Z,z.
Werrej |
[editja] Struttura
Il-Malti huwa lingwa li fiha elementi lingwistiċi mħalltin illi jirrappreżentaw perjodi storiċi tal-pajjiż u ħakmiet barranin matul is-sekli. Għalkemm għandu bażi lingwistika Għarbija, ninnutaw li l-Malti huwa wkoll mibni minn żieda massiċċa ta' elementi li joriġinaw minn vokabularji rumanzi (mit-Taljan), mill-Franċiż u anke, iktar reċenti, mill-Ingliż.
L-aċċettazzjoni tal-Malti bħala lingwa uffiċjali hija xi ħaġa pjuttost riċenti, appuntu fis-sena 1934, meta dan iddaħħal mal-Ingliż minħabba l-fatt li l-maġġoranza tal-poplu kien illitterat, u allura la kien jaf jitkellem bit-Taljan u wisq inqas bl-Ingliż; dan huwa l-każ tipiku fejn bejn żewġ ġellieda, jgawdi t-tielet wieħed. Kien avveniment kontroversjali ħafna meta wieħed jikkunsidra li dak iż-żmien, Malta kienet taħt il-ħakma tal-Ingliżi, u b'hekk kien hemm konflitt ta' interess meta l-istess Ingliżi ħolqu kostituzzjoni li kienet tinjora l-kultura li kienet ilha prestabbilita għal mijiet ta' snin. Wieħed ma jistax jinnega però li l-Ingliż kellu sehem importanti fl-iżvilupp soċjo-politiku u awtonomu ta' dan il-pajjiż.
Għalkemm il-Malti daħal f'ħafna oqsma tas-soċjetà bħal ma huma l-politika, il-liġi u, sa ċertu punt, il-massmedja popolari, l-Ingliż f'Malta huwa l-lingwa ewlenija fejn jidħol il-qasam tal-kummerċ barrani, u studji xjentifiċi (inklużi l-istudji tal-matematika, il-fiżika, il-mediċina, u b'mod mill-iktar predominanti, l-informatika).
Saru diversi sejbiet minn riċerkaturi storiċi f'manuskritti ġewwa l-Bibljoteka Nazzjonali fil-Belt Valletta (meqjusa fost l-eqdem libreriji nazzjonali fid-dinja) u bnadi oħra illi jippruvaw b'mod dirett l-użu ta' l-ilsien Malti lura fis-snin, u s'issa hemm ċertezza li dan kien jintuża f'forma mhux daqstant differenti minn dik tal-lum sa mis-Seklu XVI.
Però t-tentattiv għall-istudju ta' l-ilsien Malti bħala lingwa, sar-realtà maqsuma anki mill-poplu inġenerali biss mal-wasla tal-Franċiżi f'Malta fl-1798. Il-Franċiżi kienu dawk illi rrikonoxxew f'dan il-vernakolu lokali mezz ta' propagazzjoni aħjar tat-tagħlim repubblikan, ovvjament ta' importanza politika konvenjenti għalihom, qalb il-poplu. (Aqra aktar dwar Mikiel Anton Vassalli u il-ħakma Franċiża f'Malta).
Interessanti illi komponent ftit studjat, u ħafna drabi evitat fil-kuntest ta' l-istudji lingwistiċi tal-Malti, huwa l-element tal-konvenjenza politika illi kien dejjem preżenti u ħafna drabi determinanti għal dak illi ġara fit-tfassil ta' din il-lingwa għal kif nafuha llum mal-medda tas-snin; jista' jitqies banali minn xi persuni, però fi żminijiet fejn Malta kienet qed titħabbeb mal-Libja ninnutaw enfasi fuq l-istudju ta' l-Għarbi, u l-użu infurzat ta' kliem bħal Ħelsien li hija ta' nisel Semitiku flok kliem iktar ta' użu popolari bħal Libertà li għandha nisel Rumanz - probabilment minħabba l-fatt politiku li t-Taljan jiġi mgħaqqad mal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li l-Ingliż narawh mgħaqqad mal-Malta Labour Party, li nbena fuq esponenti tal-moviment trejdjunjonista anglofilu tas-snin għoxrin.
[editja] Storja
Matul is-snin Malta ħaddnet it-Taljan bħala lingwa uffiċjali: Il-Kavallieri ta' San Ġwann, bejn l-1530 u l-1798 ħaddnu it-Taljan bħala lingwa uffiċjali (ferm qabel l-Italja stess, illi ingħaqdet bħala stat wieħed, bid-djalett Toskan, il-Fjorentin, djalett Taljan ta' Firenze, bħala lingwa nazzjonali) fl-1864.
Mal-wasla tal-Ingliżi fis-sena 1800, il-gżejjer Maltin għaddew minn idejn ir-Re taż-Żewġ Sqallijiet, li kien wiret iċ-ċens perpetwu tal-Gżejjer Maltin mingħand l-Sagru Imperu Ruman, għal ħdan l-Imperu Brittanniku uffiċjalment fis-sena 1814, u tant kienu importanti għall-Ingliżi li dawn kienu lesti jattakaw lill-Franċiżi basta Malta tibqa' f'idejhom. Lingwistikament dan ma biddel xejn għaliex it-Taljan kompla jgawdi għeruq fondi ġewwa Malta l-aktar fost il-klassijiet kolti, professjonisti, reliġjużi imlaħħqa u kummerċjanti kbar.
Mal-wasla tagħhom f'Malta, l-Ingliżi sabu pajjiż bi klassi ta' nies ta' skola (tobba, avukati, kjeriċi, nutara, periti u riċerkaturi) li kienu jappoġġaw it-Taljan, u meta tħalliet il-libertà ta' l-istampa naraw kif bdew ifaqqsu rivisti u ġurnali bit-Taljan. Kien fattur illi poġġa lil Malta fi klassi oħra ta' territorji maħkuma mill-Ingliżi. Malta kellha l-klassi politika tagħha, il-qrati istitwiti tagħha, reliġjon organizzata, u bażi infrastrutturali ta' portijiet u difiża interessanti għal dak iż-żmien. Żgur li din ta' l-aħħar flimkien mas-serħan tal-moħħ illi Malta ma kenitx ser toffri reżistenza popolari, kienu attrazzjonijiet illi żammew lill-Imperu Brittanniku f'Malta dak iż-żmien.
Tajjeb illi nosservaw illi għalkemm il-klassi kolta tal-pajjiż kienet żgħira fl-għadd u għaldaqstant f'minoranza meta imqabbla mal-popolazzjoni kollha, din ma kenitx karatteristika esklussivament lokali. Fil-fatt, din kienet qagħda illi wieħed seta' jqabbel ma' żoni oħrajn ta' l-Ewropa meridjonali (bħal fi Sqallija u l-Italja t'Isfel) fejn kienu ftit min-nies illi kellhom aċċess għat-tagħlim.
L-element ta' konvenjenza politika beda jaqbad l-art ġmielu malli l-ekonomija u l-kummerċ tjiebu, u dan ġara b'mod speċjali meta faqqgħet il-gwerra tal-Krimea u meta nfetaħ il Kanal ta' Suez, li poġġa l-Malta fir-rotta prinċipali tal-Imperu Britanniku. Il-preżenza militari Ingliża attirat kummerċ u ċaqliq ta' nies, saħħet is-snajjiet tradizzjonali abbinati mal-industriji portali però anke ntroduċiet snajja' ġodda u tagħlim ġdid fil-mekkanika. F'kelma waħda, żdied il-kuntatt ma' l-Ingliżi tant illi l-lingwa Ingliża (għax konvenjenti ekonomikament u 'l quddiem, anki politikament) bdiet tinbet bħala it-tieni lingwa wara t-Taljan.
Din ta' l-aħħar kienet predominju (ħakma) tal-professjonisti u kjerici illi kellhom rispett u importanza mill-popolin. Il-popolin qajla kellu aċċess għat-tagħlim għaldaqstant ftit li xejn kellu rwol f'dan il-kuntest ta' żvilupp lingwistiku dak iż-żmien.
Però, wara l-unifikazzjoni ta' l-Italja, l-Ingliżi ssuspettaw interess minn sezzjonijiet tal-poplu lokali fil-pajjiż ġar ta' l-Italja, li issa kien sar pajjiż wieħed li jifrex mill-fruntiera Franċiża, Svizzera u Awstrijaka fit-Tramuntana, sa Sqallija u l-gżira ta' Lampedusa fin-nofs in-nhar tal-peniżola. Malta f'għajnejn l-Ingliżi kienet potenzjalment parti minn din l-Italja unita. Il-preżenza ta' ħafna Maltin ġewwa l-Italja, u ta' ħafna Taljani f'Malta, msejħin eżuli, b'mod notabbli fosthom ċerti Damasiello, Fabrizi u Minotti, kompliet tqajjem dawn il-beżgħat fost l-Ingliżi illi ma xtaqux rivolti popolari f'dik illi kienet effettivament il-bażi marittima militari fuq għatbet pajjiż li seta' jkun ta' theddida iktar 'il quddiem.
Kienu dawn ta' fuq flimkien mal-qawmien tal-Faxxiżmu fl-Italja fl-1922, illi inċidentalment poġġew lill-Malti bħala l-lingwa rebbieħa fit-tellieqa għar-rwol futur ta' lingwa nazzjonali.
Fil-fatt kien fl-istess perjodu illi naraw l-istituzzjoni f'Malta ta' l-Akkademja tal-Malti, illi sabet il-flus biex tibda taħdem u tqajjem il-lingwaġġ popolari ppratikat (il-Malti) għall-lingwa mgħallma u miktuba. Kien hemm dibattiti sħan dwar jekk il-Malti għandux jinkiteb bl-alfabett Latin jew b'dak Għarbi (li anki jekk kien tajjeb minħabba illi l-Malti kien Għarbi fl-oriġini tal-bażi sintattika, seta jpoġġi l-Malta fl-isfera Għarbija tad-Dinja, u għalhekk din il-proposta ġiet imwaqqfa għall-benefiċċju ta' l-identità Ewropea ta' Malta).
L-interess li ntwera mill-ħakkiema Britanniċi f'dan il-fenomenu filoloġiku kien notevoli. Kien żmien ta' tilwim lingwistiku bejn ħafna studjużi u politiċi lokali dwar it-Taljan, (ikkunsidrat ta theddida għall-Ingliżi), l-Ingliż (il-lingwa franka ta' l-Imperu u dik ipprattikat fiċ-ċivil) u r-rwol il-ġdid tal-lingwa Maltija (oriġinarjament ikkunsidrata minn nies b'mentalità dispreġjativva lejn arthom bħala lingwa tal-kċina).
Fil-bidu tas-seklu għoxrin naraw qawmien fl-interess fil-Malti bħala lingwa letterarja u kien f'dan il-perjodu illi naraw lil kjeriku Dun Karm Psaila (li sa dak iż-żmien kien jikteb prevalentament bit-Taljan, tant illi kien saħansitra ppubblika ktieb ta' poeżiji bl-isem "Foglie d'Alloro" fl-1896) li bil-mod il-mod, bil-kitbiet pijunieri iżda prolifiċi tiegħu, serva ta' inkoraġġiment għal ħafna oħrajn interessati fil-Malti bħala lingwa t'espressjoni letterarja. Bil-kitbiet ħelwin u profondi tiegħu (bħal fl-Eleġija famuża "Il-Jien u Lil Hinn Minnu") Dun Karm ġie rikonoxxut bħala il-poeta Nazzjonali Malti matul ħajtu stess.
Fl-istess perjodu kienet ta' importanza ukoll it-traduzzjoni tal-Bibbja għall-Malti mill-Professur Pietru Pawl Saydon.
Fis-sena 1939 il-Malti daħal uffiċjalment flok it-Taljan, anke fil-qrati illi sa' din id-data kienet għadha il-lingwa ipprattikata mill-avukati flimkien ma'l-Ingliż.
It-tmiem tat-Tieni gwerra dinjija bir-rebħa għall-Alleati (illi tagħhom Malta kienet bażi fundamentali kemm bħala difiża tar-rotti Nord Afrikani kif ukoll bħala bażi ta' attakk għall-Italja), serviet bħala punt ta' partenza għall-Malti bħala lsien nazzjonali, indipendentement jekk sa dak iż-żmien qajla kien hawn 20% tal-poplu li kien jaf jikteb, u fost dawk illi kienu jafu, it-Taljan u l-Ingliż kienu esklussivament il-lingwi użati għat-tagħlim terzjarju, professjonali, reliġjuż u tekniku.
Fil-fatt, dan kien każ ċar ieħor kif il-konvenjenza politika offriet spinta 'l quddiem għall-lingwa Maltija. Bil-Malti bħala lingwa uffiċjali l-Maltin f'għajnejn l-Ingliżi qajla kellhom bażi għal ambizzjonijiet integralisti ma' l-Italja, u għalhekk sakemm il-Maltin baqgħu bil-Malti u bl-Ingliż, l-Ingliżi kienu kuntenti u sodisfatti.
L-Ingliżi bassru illi bil-mases jitkellmu u jistudjaw il-Malti - li kellu limiti kbar ta' riżorsi storiċi - kien ser ikun hemm spinta fit-tagħlim ta' l-Ingliż bħala mezz strateġikament vantaġġjat għal min ried jiftaħ l-orizzonti ta' l-għerf f'kull qasam.
Mhux b'kumbinazzjoni illi mill-1939 'l quddiem, il-Malti qabad ġmielu. Sadanittant, l-Ingliż kompla jrabbi għeruq fondi speċjalment fit-tagħlim akkademiku li baqax aktar dominju Taljan. Naqset ukoll l-influwenza tal-pubblikazzjonijiet politiċi Taljani fuq l-imħuħ politiċi lokali. Trawmet f'Malta l-influwenza Ingliża fis-sistema tal-qrati (li kienet il-bażi ewlenija tat-Taljan fil-pajjiż), u l-kummerċ adotta l-Ingliż bħala l-lingwa franka tiegħu.
Il-wasla tat-televiżjoni, li fl-istess isem tiegħu juri l-waqgħa fl-influwenza Taljana għax issa iktar qed jintuża t-terminu televixin, flimkien mal-preżenza ta' stazzjonijiet Taljani, ikkontribwiet sabiex it-Taljan jiffiltra aktar element vokabularji fid-diskors Malti. Però dan kien fattur ukoll għall-kompetizzjoni minn sorsi ta' influwenza oħrajn mill-Ingliż illi issa kien beda jiġi mgħallem lil kulħadd fl-iskejjel sa min età żgħira.
Ir-riżultat, fortunatament, hu dak illi hu: Il-Malti sar effetivament il-lingwa uffiċjali ta' artna. Illum jiġi studjat sew u b'serjetà kbira; hemm riċerka attiva fl-aspetti storiċi, lingwistiċi, letterarji u teatrali tal-użu ta' dan l-ilsien. Il-Malti jitkellem mill-maġġoranza tal-Maltin f'Malta (li jammontaw għal kważi 400,000) u f'bosta pajjiżi oħrajn fejn hemm il-Maltin bħal fl-Awstralja, fl-Ingilterra, fil-Kanada, fl-Istati Uniti ta' l-Amerika u madwar l-Ewropa.
Wieħed jista' jbassar illi kif ġara fis-sekli preċedenti, l-istess Maltin għad iridu jsawru u jifformaw il-karatteristiċi tal-lingwa tagħhom, bħala lingwa ħajja però b'futur kurjuż u interessanti minħabba ir-realtajiet soċjali u politiċi ġodda tas-seklu wieħed u għoxrin.
[editja] Kittieba
Interessanti hu n-numru dejjem jikber ta' xogħlijiet letterarji Maltin ta' nies bħal Oliver Friggieri (li l-kotba tiegħu ta' proża u poeżija ġew tradotti f'bosta lingwi oħra), Ġorġ Pisani (poeta Għawdxi tant maħbub), il-professur Joe Friggieri (kittieb u poeta), Francis Ebejer (drammaturgu), Achille Mizzi (poeta), Ġużè Ellul Mercer (rumanzier), u ħafna oħrajn.