Bloggosfera
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Il-kelma bloggosfera tirreferi għall-kommunita' ta' bloggs.
Minħabba n-natura tal-bloggs, hemm diversi mezzi ta' kif l-awturi jistgħu jikkomunikaw ma' xulxin, u din toħloq sens ta' kommunita'.
[editja] Komunikazzjoni fil-Bloggosfera
Is-sezzjoni tal-kummenti taħt kull post teżisti biex il-qarrejja jkunu jistgħu joffru l-kummenti tagħhom dwar dak il-post minflok jiktbu e-mail lill-awtur. Kemm il-awtur u kemm qarrejja oħrajn jistgħu mbagħad jikkummentaw fuq il-kummenti diġa' miktubin, u b'hekk ġieli jsiru kemm diskussjonijiet u kemm argumenti fis-sezzjoni tal-kummenti.
Dawn iservu mhux biss biex il-qarrejja jew bloggers jikkommunikaw ma' xulxin, imma wkoll ġieli jsiru jafu b'xi blogger ġdid għax jkun ħalla kumment x'imkien.
Isir ukoll l-abbuż tal-kummenti f'diversi modi - per eżempju meta xi ħadd jikteb xi ħaġa kontroversjali u ma jiktibx ismu, jew jikteb biss biex jagħmel xi forma ta' riklam (spam), jew biss joqgħod jgħajjar.
Wieħed jista’ ukoll jikkummenta fuq blogg ieħor billi jikteb fil-blogg tiegħu stess. Dan ukoll jservi bħala riklam għall-blogg l-ieħor u jgħin jkabbar in-nisġa tal-bloggosfera.
Ħafna drabi, jekk blogger jieħu pjaċir jaqra blogg ieħor, hu jpoġġi link permanenti fuq il-blogg tiegħu (fis-sezzjonali msejħa blogroll) ħalli min jaqra tiegħu jsir jaf bl-ieħor. Hemm l-użanza ta' link reċiproka meta wieħed isir jaf li hemm xi ħadd jillinkja għalih.
[editja] Il-Bloggosfera Maltija
Fil-bloggosfera Maltija nsibu diversi tipi ta' nies li jkollhom xi konnessjoni ma' Malta.
Jeżistu ċerti distinzzjonijiet: jekk huma Maltin jew le, jekk jgħixu Malta jew le, u jekk jiktbu bil-Malti jew le. Tista' ukoll tħares lejn jekk jiktbu dwar Malta u l-politika, jew b'mod iktar personali. Bħalissa fil-bloggosfera Maltija, minbarra Maltin jgħixu Malta, insibu diversi Maltin li bħalissa joqogħdu pajjiżi oħrajn fl-Ewropa, xi barranin li huma studenti jistudjaw l-Universita', u dan l-aħħar ukoll barranin li ma joqogħdux Malta iżda għandhom konnessjonijiet magħha u għalhekk jiktbu dwarha.
Il-kitba bil-Malti fil-bloggs għandha tiffaċċja xi problemi; l-ikbar tnejn huma l-użu ta' ittri Maltin (Ċ,ċ,Ġ,ġ,Ħ,ħ,Ż,ż) u l-użu ta' kliem tekniċi li għandhom x'jaqsmu mat-teknoloġija tal-bloggs.
Is-soltu meta wieħed jikteb bil-Malti fuq kompjuter, juża Word processor b'font Malti, imma l-kitba ta' bloggs is-soltu jsir dirett ġo' browser ta' l-Internet, fejn m'hemmx għażla ta' fonts. Barra minn hekk, jekk blogger juża font Malti fuq il-blogg tiegħu, dan ser jidher sew biss fuq kompjuters li ukoll għandhom il-font Malti.
Hemm min jevita din problema billi juża ittri Ingliżi biss (C,c,G,g,H,h,Z,z). Permezz tal-keyboard Maltija (tgħallem kif tinstallaha), wieħed jista' jikteb b'karattri Maltin b'mod faċli, u l-karattri li jiġu użati huma tal-Unicode li għalhekk ser jidhru kif suppost fuq kwalunkwe kompjuter. Din is-soluzzjoni taħdem biss ġol-Windows XP, u bloggers li jużaw operating systems differenti jkollom jsibu metodi oħrajn biex jdaħħlu l-karattri Maltin. Jistgħu jdaħħluhom wieħed wieħed billi jikkupjawhom mill-character map, jew jistgħu jużaw scripts bħal dan li hemm fis-sit linux.org.mt.
Għat-tieni problema, ta' l-użu ta' kliem tekniċi, il-blogger jista' juża kliem Ingliżi bħal website, blog, Internet, u forsi jagħmilhom italics peress li m'humiex bil-Malti. Inkella jkollu juża jew jivvinta l-ekwivalenti bil-Malti, jew billi jispellihom b’mod Malti ("website" tiġi "websajt", "blog" tiġi "blogg"), jew jipprova jsib kliem li jkollhom tifsira simili ("Net" tiġi "Xibka"). Jekk bloggers oħrajn jaqblu ma’ xi ħaġa li jivvinta wieħed, jaddottawha huma wkoll (per eżempju Mark Vella [1] beda juża l-kelma "blogg", li issa saret aċċettata u wżata fil-bloggosfera Maltija).
[editja] L-Effetti Soċjali ta' Bloggs Maltin
Il-bloggosfera Maltija qegħda tipprovdi diversi benefiċċji lil min isegwiha, per eżempju ġieli tagħti u tifrex aħbarijiet qabel il-gazzetti, tipprovdi post għall-kittieba sabiex juru u jaqsmu x-xogħol tagħhom, tlaqqa' nies minn toroq tal-ħajja differenti li s-soltu ma kienx hemm ċans isiru jafu 'l xulxin, u ġieli tiffunzjona bħala forum għal diskussjonijiet dwar il-qagħda ta' Malta.