Ludwig van Beethoven
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Ludwig van Beethoven kien kompożitur tal-mużika klassika.
Fuq id-data tat-twelid ta’ dan il-kompożitur teżisti kontroversja, minħabba li uħud jgħidu li hi l-15, filwaqt li oħrajn jgħidu li hi s-16 ta’ Diċembru 1770. Ludwig, it-tifel ta’ Johann u Maria Keverich, tgħammed nhar is-17 ta’ Diċembru 1770, fil-Knisja ta’ San Remiġ, f’Bonn, fil- Ġermanja. Missieru, Johann, kien tenur fil-Knisja ta’ Bonn u ta l-ewwel edukazzjoni mużikali lil Ludwig. Missieru li kien sakranazz kien jagħtih taħriġ iebes għax ippretenda li ibnu kellu jkun bħal Mozart. Minkejja li kien suġġett għal dan kollu, Beethoven xorta baqa’ jħobb u jistudja l-mużika u għal perjodu qasir fl-1792 ħa t-taħriġ tiegħu ma’ Franz Joseph Haydn fi Vjenna.
Sa l-1794, isem Beethoven kien magħruf madwar l-Ewropa kollha bħala kompożitur kbir. Beethoven kien jissemma ħafna għall-improvizazzjoni fuq il-pjanu. Huwa tgħallem l-istil klassiku Vjenniż u l-mużika klassika u għamel rivoluzzjoni kif din il-mużika tiġi komposta. L-ewwel kompożizzjonijiet tiegħu kienu jirriflettu l-istil ta’ Haydn u Mozart imma minn dejjem jikkomponi b’laqta oriġinali. L-emozzjoni li biha kien jesegwixxi l-mużika tiegħu kienet xi ħaga straordinarja. Il-Piano Sonata in C Minor, jew kif inhi magħrufha Pathetique kienet waħda mill-ewwel eżempji ta’ kif Beethoven kien jesprimi l-istil ta’ mużika tiegħu.
Fl-1800, Ludwig Van Beethoven kien konxju li kien qed jittarrax, din kienet daqqa ta’ ħarta għall-kompożitur. Għal perjodu ta’ żmien, Beethoven, saħansitra kkontempla li jneħħi ħajtu iżda wara rrassenja ruħu u ddeċieda li jkompli jikkomponi, iżda ma jesegwixxix il-mużika tiegħu hu. Imdejjaq bl-istil tal-mużika ta’ żmienu, Beethoven iddeċieda li jibda jikkomponi mużika li qatt ma nstemgħet bħalha qabel. Eżempju ta’ dan kienet is-Sinfonija Nru. 3 fl-E flat major Eroica, li hu temm fl-1804, din is-sinfonija hija t-twila d-doppju tas-sinfoniji li nkitbu sa dik id-data.
Is-sinfoniji ta’ Beethoven fihom aktar temi, kuntrasti, strumenti u saħħa minn dawk li nkitbu qabel żmienu. Uħud mill-Kwartetti għall-korda li kkompona, jixhdu s-sofferenza u l-uġiegh tal-Kompożitur u nkitbu meta Beethoven kien għaddej minn żmien diffiċli. Eżempju tal-qawwa tal-mużika ta’ Beethoven hija l-Kwartett għall-Kordi Nru. 11 fl-F minor. L-ideat mużikali ta’ Beethoven u l-mod li bih kien jikkomponi għadhom jitqiesu rivoluzzjonarji sal-ġurnata tal-lum. Il-famuża tema li tiftaħ is-Sinfonija Nru. 5 f’C Minor tixhed il-grinta li dan il-kompożitur kien iħoss meta jikkomponi. Fl-istess waqt il-mixjiet frekwenti tiegħu fil-kampanja influwenzawh biex jikkomponi s-Sinfonija Nru. 6 fl-F major Pastoral. Il-mużika ta’ din is-sinfonija jġegħluk timmaġina f’waqtiet l-ilma tax-xmajjar u l-għana ta’ l-għasafar u f’mumenti oħra maltempata bir-ragħad. Dan ix-xogħol aktar tard influenza lill-kompożituri romantiċi Hector Berlioz u Franz Listz.
Bl-introduzzjoni grandjuża tal-Kunċert għall-Pjanu Nru. 5 fl-E flat, Beethoven kiser it-tradizzjoni li l-introduzzjoni tal-kunċerti għall-pjanu kienet issir mill-orkestra. L-ideali tal-libertà universali, l-ugwaljanza u l-għaqda fost il-ġnus kienu ħafna għal qalb il-kompożitur. Fl-1824, meta kien kompletament trux, Beethoven ikkompona l-uniku opra tiegħu, il-Fidelio. Huwa jesprimi l-idealiżmu tiegħu fis-Sinfonija Nru. 9 fid-D minor. Fl-aħħar moviment ta’ din is-sinfonija, Beethoven kkompona l-mużika għall-kliem ta’ Friedrich Shiller Ode to Joy, tonalita’ sempliċi li d-dinja kollha semgħet u tirrikonoxxi fiha l-għaqda ta’ l-umanita’.
Meta kien qiegħed jikkomponi l-għaxar sinfonija, Beethoven ħa riħ li wasslu għal marda twila. Għal ġimgħat sħaħ, Beethoven beda jaqa’ f’koma sakemm miet fis-26 ta’ Marzu 1827. Madwar 10,000 ruħ ħonqu t-toroq ta’ Vjenna biex jagħtu l-aħħar tislima lil dan il-kompożitur kbir li għamel rivoluzzjoni fil-mużika klassika.